Blog: “Baġit li Jaqbel mal-Ambizzjonijiet tagħna” - speech given at the conference "Shaping our Future" (8.1.2018)

Met dank overgenomen van G.H. (Günther) Oettinger i, gepubliceerd op vrijdag 16 februari 2018.

Il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għall-għaxar snin li ġejjin għaldaqstant huwa biss parti mill-kaxxa tal-għodda li huwa disponibbli għall-UE biex issawwar il-futur. Iżda huwa parti importanti. Bħal fil-każ tal-komunikazzjoni u r-regoli, ir-riżorsi finanzjarji jippermettulna li nistabbilixxu d-direzzjoni għall-Ewropa fl-għaxar snin li ġejjin fuq il-bażi tas-solidarjetà bejn is-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

Iżda l-ewwel u qabel kollox għandna bżonn nindirizzaw żewġ settijiet kruċjali ta’ mistoqsijiet: dawk materjali u dawk formali. llum nixtieq nippreżentalkom madwar tużżana pożizzjonijiet proviżorji li bħalissa qed jiġu diskussi fil-Kummissjoni Ewropea u se nitlobkom tagħtuna l-opinjoni tagħkom dwarhom. Il-pożizzjonijiet kollha huma proviżorji, u jekk ikollkom argumenti jew ideat aħjar, nieħdu pjaċir kbir li nisimgħuhom u nintegrawhom fil-proposta tal-Kummissjoni li hija skedata għal Mejju ta’ din is-sena.

(Żewġ lakuni finanzjarji)

Għandna żewġ lakuni finanzjarji: Waħda fuq in-naħa tad-dħul u waħda fuq in-naħa tan-nefqa tal-baġit. Il-lakuna fin-naħa tad-dħul hija dovuta għall-fatt li, sfortunatament, ir-Renju Unit se joħroġ mill-Unjoni Ewropea. Minħabba li qed nitilfu kontributur nett, dan ifisser li wara perjodu tranżitorju, li bħalissa qed jiġi nnegozjat min-negozjatur ewlieni tagħna Michel Barnier,, se nħabbtu wiċċna ma' diskrepanza finanzjarja strutturali ta’ madwar EUR 12 sa 13-il biljun kull sena. Barra minn hekk, qed niffaċċjaw diskrepanza min-naħa tan-nefqa, minħabba li se jkollna nieħdu fuqna aktar u aktar kompiti ġodda li ma setgħux jiġu previsti b’mod sħiħ fis-snin 2011, 2012 u 2013, iżda jistgħu jiġu ttrattati aħjar fil-livell Ewropew jew inkella jistgħu biss jiġu indirizzati b’suċċess fil-livell Ewropew: il-ġlieda kontra t-terroriżmu, is-sigurtà interna u esterna, il-kontroll tal-fruntieri, l-investiment fid-difiża u fir-riċerka dwar id-difiża fl-interess tal-kontribwenti u ċ-ċittadini tagħna kif ukoll proġetti ta’ riċerka kbar biex titjieb il-kompetittività tagħna fl-era diġitali. Dak kollu jrid jiġi ffinanzjat.

(Nagħlqu ż-żewġ diskrepanzi: Tfaddil u flejjes ġodda)

Issa ejja ngħaddu għall-kwistjoni ta’ kif se jingħalqu dawn iż-żewġ diskrepanzi. Il-pożizzjonijiet tagħna dwar dan għadhom proviżorji, iżda nixtieq nippreżentahomlkom illum, biex tkunu tafu f’liema direzzjoni nixtiequ mmorru.

“Id-diskrepanza tal-Brexit tista’ tingħalaq b’approċċ ta’ 50:50. Dan ifisser li 50 fil-mija għandhom ikunu koperti minn tfaddil fl-istruttura ta’ baġit eżistenti billi jitnaqqsu l-programmi eżistenti, filwaqt li 50 fil-mija oħra għandhom isiru permezz ta’ 'flejjes ġodda'.

Għal kompiti ġodda li jiżdiedu ma’ dak li għamilna fl-imgħoddi, se nipproponi proporzjon ta’ 20:80, li jfisser - 20 % minn tfaddil u 80 % minn flejjes ġodda.

Nemmen li dan huwa ġġustifikat għaliex aħna naqdu dawn il-kompiti fl-interess tal-Istati Membri nfushom, u b’hekk ngħinuhom jiffrankaw il-flus, bħalma nagħmlu fir-rigward tar-riċerka fil-qasam tad-difiża. Naf li għal xi wħud minnkom, 80 jew 50 fil-mija fi flejjes ġodda jistgħu jidhru li huma ħafna u għal oħrajn jistgħu ma jkunux biżżejjed.

Sabiex jintlaħaq ftehim dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali hemm bżonn l-unanimità. Neħtieġu ftehim minn 27 gvern - 27 ministru għall-Affarijiet Ewropej kif ukoll 27 ministru għall-Finanzi kif ukoll, għad-deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji, neħtieġu wkoll il-ftehim mill-Parlamenti fil-livell nazzjonali. Dawn kollha jkollhom jaqblu. Huwa għalhekk li nistieden lilkom u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti kollha biex tkunu flessibbli. Jekk m’hemmx lok għal manuvrar, m’aħniex ser nilħqu kompromess u mhu se jkun hemm l-ebda Qafas Finanzjarju Pluriennali. Iżda jekk kapaċi niksbu ftehim, dan ikun sinjal kbir ta’ governanza tajba, speċjalment jekk dan iseħħ fil-mument meta r-Renju Unit jkun qed jitlaq mill-UE. Il-fatt li aħna kapaċi naġixxu filwaqt li nkunu demokratiċi u niddeċiedi fuq il-bażi ta’ unanimità, jista’ jkun sorpriża għall-ħbieb tagħna fl-Asja, l-Istati Uniti, u għas-Sinjuri Erdogan, Putin jew Trump. Jekk nibqgħu flessibbli, hemm lok għal kompromess.

Nemmnu wkoll li kompiti ġodda m’għandhomx ikunu ffinanzjati minn dejn. Bħala prinċipju ta’ gwida sa mill-bidu tagħha, l-UE mhux awtorizzata li jkollha d-dejn. M’għandniex dejn u m’għandniex ikollna dejn fil-ġejjieni. Saqsu lin-nies f’Berlin, Stuttgart, Vjenna, Pariġi jew Ruma x’inhu l-livell ta’ dejn pubbliku tagħhom? Tagħna huwa żero.

(Tnaqqis fil-baġit tal-UE)

Jekk irridu nagħlqu ż-żewġ diskrepanzi, se jkollna nagħmlu tnaqqis xi mkien. Huwa għalhekk li għamilna “analiżi ta’ nfiq”, li fiha ħarisna lejn l-effiċjenza ta’ kull programm attwali. Jeħtieġ li jsir tnaqqis fil-maġġoranza tal-programmi mingħajr ma ssir ħsara lill-politiki eżistenti tagħna. Dan xi jfisser għall Politika Agrikola Komuni (PAK) u għall-Politika ta’ Koeżjoni? Dawn se jibqgħu importanti fil-QFP li jmiss, b’sehem ta’ madwar 30 % tal-baġit. Fil-preżent, għandhom sehem ta’ aktar minn 35 %.

“Hemm żewġ programmi li nixtiequ li jiġu esklużi minn kwalunkwe tnaqqis, billi dawn huma marbuta mill-qrib taż-żgħażagħ u mal-futur tagħna. Minn naħa għandna l-programm Erasmus+ għall-ġenerazzjoni żagħżugħa. Irridu aktar żgħażagħ, sew jekk huma studenti, akkademiċi jew impjegati li jivvjaġġaw madwar l-Ewropa u jsiru jafu aktar dwar il-kultura, il-lingwi u s-swieq tax-xogħol tagħna. Għalhekk neħtieġu aktar flus għal Erasmus+, u mhux inqas. L-istess japplika għal-programm ta’ riċerka tagħna“Orizzont wara l-2020”.

Għal dan nixtieq nipproponi wkoll intestatura ġdida tal-Baġit tal-UE tagħna: “Futur, Innovazzjoni u Żgħażagħ”. Meta tħares lejn l-istrutturi baġitarji nazzjonali fl-Istati Membri, l-intestaturi li jintużaw huma faċli biex tifhimhom. Ikollhom ismijiet bħal kultura, infrastruttura, sigurtà soċjali, ambjent u difiża. Il-ħames intestaturi tagħna jissejjħu 1a, intestatura 1b, 2, 3, 4 u 5. Huma ftit in-nies li fil-fatt jafu x’hemm wara l-intestaturi baġitarji tagħna. Ninsab konvint li jeħtieġ li nagħmlu l-baġit kollu aktar faċli biex jinftiehem minn pubbliku usa’. L-intestaturi għandhom jindikaw b’mod ċar il-politiki u l-objettivi. Għalhekk "Futur, Innovazzjoni, Żgħażagħ” jista’ jkopri l-Erasmus +, l-Orizzont, il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà u l-proġetti l-oħra kollha marbuta maż-żgħażagħ u l-innovazzjoni.

(Valur miżjud fil-Baġit tal-UE)

“Ninsabu wkoll determinati li fil-qafas finanzjarju futur tagħna ninkludu biss programmi jew proġetti b’valur miżjud Ewropew ċar. L-ebda euro mhu se jintefaq sakemm il-kriterji rilevanti ma jkunux issodisfati.

Dan huwa punt kruċjali għalija. Nemmen fis-sussidjarjetà, u fil-fehma tiegħi jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea ġġib valur miżjud Ewropew ċar. Il-mod li bih jiġi definit dan it-terminu b’mod aktar preċiż f’termini politiċi u legali se jkun qed jiġi diskuss fil-ġimgħat li ġejjin. Hemm eżempji fejn il-valur miżjud Ewropew huwa aktar evidenti milli f’każijiet oħra. Eżempju Numru Wieħed: Ejjew nieħdu l-elettrifikazzjoni ta’ linja ferrovjarji transkonfinali mill-Baħar l-Iswed tul ix-Xmara Danubju. Dan huwa każ ċar ta’ valur miżjud Ewropew, peress li qed jipprovdi mobilità u infrastruttura transkonfinali. Eżempju Numru Tnejn: Biex iwettqu r-riċerka u biex ikunu kompetittivi ma’ reġjuni oħra fid-dinja, il-komunitajiet ta’ riċerka tagħna forsi jeħtieġu 3 superkompjuters fl-Unjoni Ewropea li huma fost l-aqwa 10 fid-dinja kollha, u mhux 27 wieħed differenti. Dan hu wkoll każ ċar ta’ valur miżjud Ewropew.

(Koeżjoni tal-valur miżjud tal-UE: Differenza fil-PDG per capita

Nixtieq nipprovokakhom bl-Eżempju Numru Tlieta: Xi tgħidu dwar il-finanzjament ta’ linja ferrovjarja fil-Bulgarija, li tgħaqqad Sofia mal-kampanja? Din hija wkoll valur miżjud għall-Unjoni Ewropea? Jew inkella għall-Bulgarija biss?

Fl-opinjoni tiegħi, aħna għandna nħarsu lejn il-PDG per capita. Il-medja tal-PDG per capita madwar id-dinja hija ta’ EUR 16 000 kull sena. Fl-Unjoni Ewropea hija ta’ EUR 25 000 per capita. Fil-Lussemburgu hija 103 000. Fl-Irlanda 62 000, l-Iżvezja 52 000, il-Ġermanja 42 000, Franza 38 000, il-Bulgarija 7 000. Għalhekk fl-Unjoni Ewropea għandna minimu ta’ 7 000 u massimu ta’ 103 000. Din id-differenza fil-PDG per capita qed tifred il-famlija Ewropea tagħna. Għaldaqstant jeħtieġ li jitnaqqsu dawn id-differenzi, mhux billi jnaqqas il-livell fil-Lussemburgu iżda billi jogħla l-livell fil-Bulgarija.

Il-livell tas-suċċess tal-politika tal-koeżjoni, jintwera l-aħjar mill-Istati Membri l-ġodda. L-iżvilupp ekonomiku tagħhom huwa impressjonanti, u xi wħud minnhom, waslu qrib il-medja tal-UE. Ma nafx jekk hux se nkunu għadna neħtieġu l-politika ta’ koeżjoni fl-2050 iżda huwa żgur li jekk irridu nibqgħu kompetittivi u nagħmlu għażla għaqlija se jkollna bżonnha fl-għaxar snin li ġejjin.

Għaliex? Ejja nuża eżempju ieħor: il-belt ta’ Görlitz fuq il-fruntiera bejn il-Ġermanja u l-Polonja. Għalija, Görlitz hija “il-” belt Ewropea. Kienet Boemjana, taħt Karlu IV, kif ukoll taħt id-dar tal-Lussemburgu, imbagħad Ġermaniża u wara nqasmet f’żewġ nofsijiet: nofs Pollakk u nofs Ġermaniż. Wara r-riunifikazzjoni tal-Ġermanja, għal aktar minn 14-il sena irċeviet appoġġ finanzjarju sostanzjali mill-Punent u dan bejn l-1990 u l-2004 wassal għal prosperità fil-pajsaġġ. Il-parti tal-Lvant ta’ Görlitz fil-Polonja ġiet iffinanzjata biss mill-politika ta’ koeżjoni tal-UE wara li l-Polonja issieħbet mal-Unjoni. Minn dak iż-żmien 'l hawn kien hemm titjib qawwi, iżda xorta għadha teħtieġ il-flus ta’ koeżjoni għal ftit aktar snin biex jiġi żgurat li dak li beda iżda għadu ma tlestiex, ma jinqeridx jew issirlu ħsara. Görlitz turi li l-politika ta’ koeżjoni tagħti r-riżultati u li jeħtieġ ftit taż-żmien biex dawn jitwasslu.

(Baġits dejjem huma trasferimenti finanzjarji)

Sinjuri, nemmen li pajjiżi bħall-Bulgarija għandhom ikomplu jibbenefikaw minn trasferimenti finanzjarji intelliġenti. Fil-Ġermanja, il-kelma “unjoni ta’ trasferimenti” hija pperċepita b’mod pjuttost negattiv. Jien favur it-trasferimenti intelliġenti. Kwalunkwe baġit fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali huwa bbażat fil-parti l-kbira tiegħu fuq trasferimenti minn naħa għal oħra. Se nagħmel minn kollox biex il-kunċett ta’ kontributur nett ma jibqax fuq quddiem tad-diskussjoni tagħna. Taf min huwa l-akbar kontributur nett? Mhuwiex il-Ġermanja. Meta titqies il-perspettiva per capita, huwa l-Lussemburgu. Fil-Ġermanja, in-nies jemmnu li huma l-ikbar kontributuri netti iżda dan mhuwiex veru. F’termini ta’ PDG per capita, huwa l-Lussemburgu, filwaqt li l-Belġju u d-Danimarka huma t-tieni u t-tielet. U barra minn hekk, se ssib li mill-inqas 70 % mill-fondi ta’ koeżjoni li jintefqu għall-Istati Membri l-ġodda, jerġgħu jsibu ruħhom fl-ekonomija Ġermaniża permezz ta’ ordnijiet mill-industrija Ġermaniża fis-setturi kollha.

Aħna għandna nagħmluha ċara li l-argument fqir u populist li jaqsam id-dinja f’kontributuri netti u riċevituri netti ma jreġix meta tqis dak kollu li tirċievi lura. Fl-Ewropa, aħna kollha nibbenefikaw mill-istess standards fis-suq intern tagħna kif ukoll għas-swieq tal-Isvizzera, in-Norveġja u tal-Balkani assoċjati. Huwa għalhekk li qed nitlob għal definizzjoni intelliġenti ta’ x’inhu benefiċjarju.

(Il-finanzjament ta’ kompiti ġodda mhux askapitu ta’ kompiti qodma)

Imbagħad hemm il-kwistjoni ta’ nefqiet tradizzjonali u ġodda.

“Jekk trid tiffinanzja dak li nagħmlu għall-migrazzjoni bi tnaqqis fil-politika ta’ koeżjoni, se tkun qed tifred aktar il-familja Ewropea. Diġà għandna biżżejjed firda...”

Jeħtieġ li nkunu aktar intelliġenti minn hekk Nistgħu nagħmlu tnaqqis raġonevoli - forsi minn 5 sa 10 % - iżda neħtieġu wkoll flejjes ġodda biex nindirizzaw il-flussi migratorji, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-politika tal-iżvilupp.

L-Ewropa għadha attraenti. Qed ngħid dan mingħajr arroganza. F’termini ta’ standards ta’ għajxien, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, għadna attraenti, speċjalment meta mqabbla mal-viċinat pjuttost instabbli tagħna. Il-Greċja, il-Bulgarija, l-Italja u Spanja għadhom instabbiltà konsiderevoli fil-viċinat immedjat tagħhom. Din hija r-raġuni għaliex il-Mediterran u l-Lvant Nofsani huma responsabbiltà komuni, id-destin komuni tagħna. Hawn irridu naħdmu flimkien. Dan huwa l-aktar ħaġa intelliġenti li nistgħu nagħmlu.

Sinjuri,

“m’għandniex bżonn ta’ 2 % tal-PGD Ewropew. Għandna bżonn biss ftit aktar minn 1 %. Nasal biex ngħid li għandna bżonn 1.1x %.”

Ftit aktar minn 1.1 %. Għinuni nsostni dan l-argument. Għinuni nwassal il-messaġġ lill-parlamenti nazzjonali tagħkom. Minn EUR 100 fuq l-irċevuta tas-salarju tiegħek, madwar EUR 50 jmorru għall-awtorità fiskali. Mill-EUR 50 li jittieħdu mill-kontribwenti Ewropej, EUR 1 biss imur fill-baġit tal-Unjoni Ewropea. Il-bqija jibqa’ fl-Stati Membri, fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Jekk nitkellmu dwar “Ewropa rqiqa”, xi ħaġa li sħabi l-Bavarjani qed jappoġġjaw - għandkom iżżommu f’moħħkom li l-baġit tal-UE jirrappreżenta biss euro biss minn 50. M’hemmx ħafna li jista’ jsir fuq bażi irqaq.

Għalhekk mhux qed nitkellem dwar 2 % tal-PDG tal-UE - iżda biss dwar 1.1x %. Dan huwa dak li qed niġġieled għalih. Kont qed inżur bosta bliet kapitali biex niddefendi dan il-każ u għamilt dak kollu possibbli biex nikkonvinċi lil kulħadd issa u ser nagħmel l-istess f’Mejju, meta nressqu l-proposta formali tagħna.

(Linja baġitarja taż-żona tal-euro tal-Baġit tal-UE)

Xi nies qed jitkellmu dwar l-idea ta’ baġit taż-żona tal-euro. Din l-idea tmur lura għall-2011. Dak iż-żmien forsi kienet xierqa, iżda llum m’għadhiex valida. Fl-2011, kien hemm 17-il Stat Membri fiż-żona tal-euro, minn 28 stat membru tal-UE. Illum qed nitkellmu dwar 19 minn dawk li dalwaqt ser ikunu 27 Stat Membru. Sħabna l-Bulgari u oħrajn qed jaħsbuha bis-serjetà li jingħaqdu maż-żona tal-euro. Ladarba jħallina r-Renju Unit, id-19-il pajjiż taż-żona tal-euro se jkunu qed jirrappreżentaw 85 % tal-PDG tal-UE. Tajjeb li neskludu l-15 % l-oħra? Ma naħsibx. Għalhekk, linja baġitarja taż-żona tal-euro f’baġit komuni hija tajba, u għalhekk m’għandniex bżonn baġit separat taż-żona tal-euro.

(Ir-Riżorsi Proprji ta’ Monti u l-proposta ta’ Oettinger tat-taxxa fuq tal-plastik?)

Il-Grupp ta’ Livell Għoli ta’ Mario Monti qiegħed iħares lejn riżorsi proprji ġodda possibbli. Bħalissa qed naraw x’nistgħu ninkludu fil-proposta tagħna. Dak il-Grupp ta’ Livell Għoli kellu 3 rappreżentanti mill-Parlament, 3 rappreżentanti mill-Kummissjoni u 3 rappreżentanti mill-Kunsill. U dawn ddeċidew b’mod unanimu. Għal din ir-raġuni, l-messaġġ tiegħi lill-Istati Membri se jkun: Taqbdux u tiffajljawha u tarmuha mill-ewwel. Din hija ħaġa ġiet maqbula b’mod unanimu. Fost l-ideat li qed nikkunsidraw nista’ nsemmi li l-ħarsien tal-klima huwa kompitu Ewropew, minħabba li għandna miri ċari għat-tnaqqis tad-CO2 fl-UE. F’Pariġi, tkellimna b’vuċi waħda. Is-Sistema Ewropea għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) hija politika Ewropea. L-unika parti mhux Ewropea huwa l-fatt li d-dħul mill-ETS imur għall-baġits nazzjonali. Naħseb li jagħmel sens li d-dħul mill-politika ta’ protezzjoni klimatika tagħna, minn dak li ntlaħaq qbil dwaru f’Pariġi u f’Marrakesh u dak li nagħmlu bl-ETS għandu jmur għall-baġit Ewropew.

It-tieni eżempju. Il-politika ambjentali ewlenija se tikkonċerna l-iskart tal-plastik. Għandna wisq materjal tal-imballaġġ u skart tal-plastik, li jniġġes l-ibħra u l-oċeani tagħna. Fil-bidu tas-sena ċ-Ċina għalqet is-suq tagħha, minħabba li m’għandhiex bżonn aktar il-materjal bħala input. Fil-passat, iċ-Ċina rriċiklat il-plastik u l-materjali sintetiċi tagħna f’ġugarelli.

"Għal din ir-raġuni tqum il-kwistjoni:għala ma nintaxxawx il-produzzjoni tal-plastik u tal-materjali sintetiċi tagħna?"

Dan jista’ jkun strument li jgħin biex jiggwida l-politiki tal-Istati Membri. Mhux kulħadd qed jagħmel dan, għalhekk hemm ir-riskju ta’ suq frammentat. Fis-suq intern għall-merkanzija, l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet fl-Ewropa, jeħtieġ li jkollna approċċ komuni. Għalhekk, din tista’ tkun alternattiva għal dħul ġdid tal-UE.

(Il-QFP għandu jkun ta’ 5 snin jew 7 snin?)

Imbagħad irridu niddeċiedu għal kemm żmien għandu jkun validu l-Qafas Finanzjarju. 5 snin jew 7 snin? Studjajna l-alternattivi kollha: Għandna nestenduh b’ sentejn minħabba l-irtirar tar-Renju Unit u n-nefqa akbar? Il-Kunsill iridna nagħżlu 7, il-Parlament iridna nagħżlu 5 biex nallinjaw iċ-ċiklu demokratiku ma’ dak finanzjarju, minħabba li wara kollox il-Parlament u l-Kummissjoni għandhom mandati ta’ 5 snin. Jekk il-Kummissjoni Juncker tagħmel proposta li trid tiġi ttrattata mill-Kummissjoni li jmiss u jekk il-Parlament preżenti jadotta baġit li jkollu jgħix bih il-Parlament li jmiss, dan mhuwiex demokratiku. Għallhekk nipproponi li għall-aħħar darba aħna għandu jkollna qafas ta’ 7 snin segwit b’oqfsa finanzjarji mifruxa fuq 5 snin, skont iċ-ċiklu demokratiku tal-mandati tal-Parlament u tal-Kummissjoni. Għalhekk din id-darba, 7 snin se jservu ta’ pont lejn sistema aktar demokratika fuq il-bażi ta’ kull 5 snin minn hemm 'il quddiem.

Kelmtejn fuq it-tnaqqis. Jekk intemmu r-ribass Brittaniku, li huwa l-omm ta’ kull ribass, għandna nippermettu wkoll lit-tfal biex jitilqu. Daqshekk ribassi! Dan inaqqas il-burokrazija u aħna żgur se nipproponu li ma jkunx hemm aktar tnaqqis taħt il-QFP il-ġdid.

Dwar il-kwistjoni dwar dak li s-Sur Arthuis isejjaħ Galaxy, jiġifieri l-finanzi tal-UE lil hinn mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali u l-baġit tal-UE. Is-sovranità baġitarja hija responsabbiltà importanti ħafna għal Parlament Ewropew. Jiena wkoll tal-fehma li huwa tabilħaqq validu li ssir id-domanda ta’ liema istrumenti finanzjarji li bħalissa jinsabu barra l-Baġit tal-UE għandhom ikunu integrati fil-baġit. Eżempju prominenti huwa l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp.

Meta jiġi diskuss it-tnaqqis finanzjarju, għandna nħarsu wkoll lejn il-baġit attwali tagħna taħt l-intestatura 5: il-persunal u l-amministrazzjoni. Din id-diskussjoni ma tantx tista’ tiġi evitata. Iżda t-talba tiegħi bħala Kummissarju għall-baġit u l-persunal hija din: f’dawn l-aħħar 5 snin, l-għadd tal-persunal tal-Kummissjoni tagħna tnaqqas b’ 5 %. Hemm limitu fuq dak li huwa fattibbli, dak li jista’ jsir. Għaldaqstant, jekk jogħġobkom kunu ċerti li l-Kummissjoni xorta waħda tkun tista’ taġixxi, u li għandha biżżejjed nies. Meta l-għadd ta’ Stati Membri jinżel, jista’ jkollna nnaqqsu l-għadd ta’ persuni, iżda ejjew naħdmu fis-snin li ġejjin abbażi ta’ numru stabbli ta’ persunal u wara, meta naraw fejn ninsabu, nagħmlu tnaqqis xieraq u raġonevoli fl-għadd tal-persunal fil-Kummissjoni minħabba li r-Renju Unit ma jkunx għadu Stat Membru tal-UE.

(skeda ta’ żmien wara l-proposta tagħna)

Punt finali. X’għandha tkun l-iskeda ta’ żmien għall-adozzjoni tal-proposta tagħna? Ejja nħarsu lura fiż-żmien. F’Ġunju 2011, il-President tal-Kummissjoni ppreżenta l-proposta tiegħu iżda ftit li xejn kien hemm żviluppi. Fil-funzjoni preċedenti tiegħi bħala Prim Ministru ta’ Baden-Württemberg fil-Ġermanja, kont ukoll responsabbli mill-baġit. Konna nippreżentaw il-baġit tagħna għas-sena ta' wara f’Settembru. Fl-UE, normalment nagħmlu dan fl-aħħar ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel. Jista’ xi ħadd jispjega għalfejn il-qafas baġitarju għad-deċennju li jmiss għandu jiġi daqshekk kmieni? Dan jagħmel sens biss jekk ma jiġix pospost u jiġi diskuss b’mod xieraq biss aktar tard. Is-sħab tagħna jeħtieġu sigurtà legali u finanzjarja. Dan huwa ċar għal kull programmi ta’ nfiq, b’mod partikolari fir-rigward ta’ Orizzont wara l-2020, għall-PAK u għall-politika ta’ koeżjoni. Il-partijiet interessati jridu jkunu jafu fiex qegħdin, kmieni kemm jista’ jkun, u kemm se jkun it-tnaqqis. Iżda l-proposta tal-Kummissjoni ta’ Barroso ġiet adottata biss f’Diċembru 2013. Għaliex? Se nkun onest magħkom: Minħabba li ma kenitx prijorità għall-Kunsill, l-elezzjonijiet Ġermaniżi kienu qed joqorbu u n-nies bdew jiċċaqalqu. Milli jidher dik hija s-serjetà li biha n-nies jieħdu l-baġit Ewropew. Għalhekk sinċerament, nixtieq nistaqsi lill-gvernijiet meta verament għandhom l-intenzjoni li jadottaw il-baġit Ewropew. Se jkunu lesti jiddiskutu f’Mejju 2018?

Għandna s-sitt QFP. L-ewwel wieħed beda fl-1988. Qatt ma kien hemm diskussjonijiet baġitarji li ġew interrotti mill-elezzjonijiet Ewropej, b’eċċezzjoni waħda. Din kienet fl-1999, il-baġit għall-2000-2006, iżda f’dak iż-żmien il-Parlament Ewropew ma kellux rwol deċisiv fi kwistjonijiet tal-baġit tal-UE. Rwol deċiżiv li llum żgur għandu. Hemm 2 għażliet. L-ewwel waħda tkun li ssir il-preżentazzjoni u mbagħad naraw x’jiġri. Għalhekk huwa probabbli ħafna li jkollna kampanja elettorali b’kontendenti ewlenin, wieħed iwiegħed “ġenna b’aktar flus” u l-ieħor “infiq inqas, l-anqas flus possibbli għal Brussell”. Tistgħu faċilment tbassru liema huwa aktar xenarju attraenti u għalhekk l-aktar probabbli li jseħħ. Ladarba l-Parlament ikun ħa l-ħatra, ikun sema’ s-27 Kummissarju ġdid, u jkollna Kummissjoni ġdida, xi wħud mill-proposti tagħna jkollhom jinbidlu u mbagħad il-Kummissjoni tressaq proposta ġdida. Inkunu erġajna ġejna fl-istess sitwazzjoni u Diċembru 2020 jkun magħna, mingħajrma nkunu tgħallimna mill-iżbalji tal-aħħar darba.

Din hija r-raġuni għaliex jiena favur il-governanza tajba: Aħna se nippreżentaw dan f’Mejju u l-Presidenza Bulgara u sħabna l-Awstrijaċi u Rumeni huma mistiedna jadottawha immedjatament u jpoġġuha fl-aġenda tal-Kunsill Ewropew fil-ħin. Jekk id-diskussjonijiet tagħhom jibdew fi Frar u ssir prijorità, nisperaw li f'Mejju 2019 inkunu nistgħu nikkonkludu n-negozjati f’Sibiu. Jekk dan jirnexxi, nkunu qed nibgħatu messaġġ qawwi lid-dinja: l-Ewropa hija kapaċi taġixxi u anki tilaħq l-unanimità.

Dawn huma l-messaġġi ewlenin: Is-sigurtà, is-saħħa ekonomika, il-kompetittività, is-solidarjetà u s-sostenibbiltà. Se nonfqu l-flus biss jekk naraw li dan iġib valur miżjud. Huwa f’dan l-ispirtu li se nitolbu lill-Istati Membri jagħtuna l-flus: biex nimplimentaw politiki b’valur miżjud Ewropew.